Parva Parvorum Pulchra

Parva Parvorum Pulchra

Fittex fis-Sit

L-Ewwel Sena għall-Kulleġġ Santa Tereża PDF Print E-mail
Written by Dr Frank Fabri   
Il-Ħadd, 22 Marzu 2009 21:08

Sena ta’ konsolidazzjoni

Fl-1 ta’ Frar 2009 l-Kulleġġ Santa Tereża ċċelebra l-ewwel sena mit-twaqqif uffiċjali tiegħu. Għalina lkoll din kienet sena ta’ impenn kontinwu fejn qabelxejn ridna nifhmu minn fejn konna ser nibdew l-esperjenza tal-kulleġġ li kienet ġdida għalina lkoll. Ridna nifhmu aħjar fejn konna u kif stajna nibnu realta’ usa minn dik tal-iskola waqt li nkomplu nsostnu lill-iskola f’kuntest ġdid ta’ kulleġġ. Ridna nibnu relazzjoni professjonali ġdida fost il-Kapijiet kollha tal-iskejjel tal-Kulleġġ, fost l-għalliema fl-iskejjel tal-Kulleġġ. Ridna nibnu kultura u esperjenza ġdida fost l-istudenti u l-ġenituri tagħhom b’rabta maal-Kulleġġ.


Għalina din kienet sena importanti ħafna fejn ridna nagħtu direzzjoni ċara lill-Kulleġġ. Qbilna li l-Kulleġġ Santa Tereża jpoġġi fuq quddiem nett numru ta’ prioritajiet fosthom l-immaġini korporattiva tal-Kulleġġ, it-taħriġ u l-iżvilupp professjonali tal-għalliema, investiment u użu tat-teknoloġija tal-informatika, esperjenza demokratika għall-istudenti kollha, u l-kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħra ‘l barra mill-Kulleġġ.  

Sena ta’ Impenn

Għall-Kulleġġ Santa Tereża din l-aħħar sena kienet impenjattiva ħafna. Konxji li l-ebda suċċess ma jista’ jinkiseb mingħajr pjan strateġiku u impenn kontinwu mill-imsieħba kollha kkonċeranti.
Matul din is-sena kienet impenjattiva għall-Kulleġġ mhux biss għaliex qbilna fuq numru ta’ prioritajiet għall-kulleġġ u l-iskejjel tiegħu, imma, u daqstantieħor importanti, li jitwettaq dak li naqblu fuqu bl-aktar mod effettiv possibbli. Dawn iż-żewġ aspetti kumplimentari (i.e. il-prioritajiet u t-twettieq tagħhom) jintrabtu bil-kwalita f’dak li jinkiseb.
Dan l-impenn kontinwu, wassal għal numru ta’ suċċessi tanġibbli li minnhom qed ingawdu minnhom ilkoll.

Sena ta’ Suċċessi

L-impenn wassal għal sena ta’ suċċessi tanġibbli. Matul din is-sena l-Kulleġġ offra taħriġ ta’ jumejn lill-Kindergarten Assistants kollha fl-iskejjel primarji kollha tal-Kulleġġ. Il-Kulleġġ qed joffri siegħa u nofs kull ġimgħa lill-għalliema kollha tal-iskejjel primarji kollha għall-iżvilupp u t-taħriġ professjonali tagħhom. Il-Kulleġġ offra sensiela ta’ laqgħat informali bħala parti mill-iżvilupp professjonali.
Il-Kulleġġ qiegħed jaħdem biex fuq bażi ta’ Kulleġġ ikomplu jitjiebu s-servizzi psiko-soċjo therapewtiċi mill-iskejjel għat-tfal u l-istudenti. Il-Kulleġġ qed jaħdem ukoll fuq pjan strateġiku ta’ tliet snin b’rabta mas-Saħħa u s-Sigurta’ fl-iskejjel.
Il-Kulleġġ irnexxielu jorganizza b’mod demokratiku l-Kunsilli tat-Tfal fl-iskejjel primarji kollha u l-Kunsill tal-istudenti fl-iskejjel sekondarji kollha. Kull Kunsill mhux biss qiegħed jitlaqqa fuq livell ta’ skola iżda lkoll flimkien iltaqgħu u żaru Kastilja u l-Iffiċċju tal-Prim Ministru.
Il-Kulleġġ jinsab impenjat ukoll biex jikseb numru ta’ ftehim ma’ entitajiet oħra. Matul din is-sena l-Kulleġġ laħaq ftehim mal-Kunsill ghall-Isports Malti biex il-grawn full size li għandna mal-iskola primarja ta’ Ħal Lija jsirlu wiċċ bit-ħaxix artifiċjali. Il-Kulleġġ laħaq ftehim ukoll mas-Sea Scouts tal-Imsida biex il-Kulleġġ, l-iskola u l-iscouts ikunu ta’ servizz għal xulxin. Il-Kulleġġ laħaq ftehim ukoll mal-ITS, MHRA u ETC biex grupp ta’ studenti li dis-sena skolastika qegħdin fil-ħames sena sekondarja tagħhom jibdew taħriġ fuq l-ikel u x-xorb mill-ITS waqt li matul is-sajf li ġej jingħataw esperjenza ta’ xogħol f’restaurant jew lukanda taħt superviżjoni. Dawk l-istudenti li jtemmu dan it-taħriġ b’suċċess ser jiksbu l-liċenza B f’dan il-qasam waqt li dawk li s-sena d-dieħla jagħżlu li jibdew l-istudji post sekondarji tagħhom ġewwa l-ITS jevitaw numru ta’ modules li jkunu għamlu din is-sena. Kollaborazzjoni oħra li l-Kulleġġ qed jaħdem bis-sħiħ fuqha hija mat-tmexxija taċ-Chiswick House School u St Martin’s College. Ftehim ieħor iilaqnih mal-FES u l-HSBC biex il-Kulleġġ qed joffri gwida professjonali minn għalliema fil-Kulleġġ fil-Home Work lit-tfal fir-raba’ sena tal-primarja li ġejjin minn xi kuntest soċjali żvantaġġjat.

Miri u Ambizzjonijiet Għola

Il-Kulleġġ Santa Tereża rnexxielu jikseb dawk ir-riċultati u suċċessi f’anqas minn sena mertu tagħna lkoll bl-impenn kontinwu u bla waqfien. Konna kapaċi npoġġu quddiemna miri u ambizzjonijiet għoljin. Hekk għamilna meta sena ilu għedna li rridu nixtru tal-anqas interactive whiteboard għal kull skola tal-Kulleġġ. Konna kapaċi naħdmu ħafna u lħaqna l-miri u l-ambizzjonijiet tagħna. Illum f’anqas minn sena, biex inżomm mal-istess eżempju, ser jirnexxielna ninstallaw it-tieni interactive whiteboard fl-iskejjel primarji tal-Kulleġġ.
Il-Kulleġġ Santaa Tereża ser ikompli jpoġġi quddiemu miri u ambizzjonijiet għolja sabiex inkomplu nsostni l-kwalita’ fl-edukazzjoni li l-iskejjel joffru lit-tfal u lill-istudenti tagħna.

Appell

Il-Kulleġġ ikompli jħeġġeġ lill-Kapijiet u lill-Assistenti Kapijiet tal-Iskejjel biex ikomplu jpoġġu miri għoljin quddiemhom fl-interess tal-istaff u tal-istudenti kollha. L-istess appell nagħmlu lill-għalliema biex huma wkoll ipoġġu quddiemhom miri għoljin, kemm għalihom personali bħala professjonisti kif ukoll quddiem l-istudenti. Lill-istudenti nħeġġiġhom biex jimmiraw dejjem fl-għoli u qatt ma jissodisfaw ruħhom bir-riżultati li jirnexxilhom jiksbu. Importanti ħafna li l-ġenituri jikkoperaw mal-Kulleġġ Santa Tereża biex huma wkoll ipoġġu miri għoljin (li jistgħu jintlaħqu) fuq uliedhom.
Importanti nżommu f’moħħna li mingħajr miri quddiemna ma nistgħux nimxu niksbu r-riċultati u s-suċċessi.

Aġġornat ( Is-Sibt, 18 April 2009 21:10 )
 
 
Joomla 1.5 Templates by Joomlashack