Parva Parvorum Pulchra

Parva Parvorum Pulchra

Fittex fis-Sit

mill-Prinċipal tal-Kulleġġ, is-Sur Francis Fabri PDF Print E-mail
Written by Administrator   
L-Erbgħa, 04 Frar 2009 10:00

Merħba fis-sit elettroniku uffiċjali tal-Kulleġġ Santa Tereża. Dan is-sit għandu l-iskop li jiġborna flimkien fi proġett edukattiv ambizzjuż ħafna għalina lkoll, amminitraturi, għalliema, studenti u ġenituri. Il-proġett edukattiv tal-Kulleġġ huwa tagħna lkoll u jagħtina identità li tagħżilna u tiddistingwina.

Il-Kulleġġ Santa Tereża

Il-Kulleġġ Santa Tereża huwa fost l-aħħar Kulleġġi tal-iStat li twaqqfu f’Malta waqt li huwa fost l-akbar Kulleġġi f’pajjiżna. L-isem ta’ dan il-Kulleġġ huwa attribwit lil Santa Tereża ta’ Lisieux. Għalhekk, il-Latin motto tal-Kulleġġ huwa Parva Parvorum Pulchra (Iż-Żgħira tagħti xi ħaġa sabieħa liż-żgħar). Dan il-Kulleġġ jiġbor fih erba’ skejjel primarji (Msida, Santa Venera, Birkirkara u Ħal Lija) u tliet skejjel sekondarji (Birkirkara Subien, Santa Venera Subien u Liċeo tal-Bniet) li fihom għandna madwar 4000 tifel u tifla, student u studenta u madwar 400 għalliem u għalliema.

Prioritajiet tal-Kulleġġ Santa Tereża

Il-Kulleġġ Santa Tereża għandu numru ta’ prijoritajiet li qed jiffoka fuqhom fl-interess tal-imsieħba kollha involuti. Fost dawn il-prioritajiet għandu t-taħriġ u l-iżvilupp professjonali u kontinwu tal-amministraturi, tal-għalliema, tal-Kindergarten Assistants u tal-Learning Support Assistants. Il-Kulleġġ Santa Tereża huwa impenjat biex ikomplu jissaħħu l-ħiliet u l-abbiltajiet tat-tfal u tal-istudenti fl-iskejjel tiegħu. Għalhekk minn din is-sena skolastika l-Kulleġġ Santa Tereża qiegħed jintroduċi programmi edukattivi alternattivi f’waħda mill-iskejjel sekondarji tiegħu bl-iskop li dan il-proġett edukattiv, wara li jkun evalwat u studjat, jinfirex fi skejjel sekondarji oħra. Priorità oħra hija l-introduzzjoni u l-użu tat-teknoloġija tal-informatika fl-iskejjel kollha tal-Kulleġġ. Din is-sena skolastika qed isir investiment finanzjarju mill-Kulleġġ ukoll biex jinxtara apparat teknoloġiku ġdid għall-iskejjel tiegħu. Il-Kulleġġ Santa Tereża huma impenjat ukoll biex ikompli jitjieb u jissebbaħ l-ambjent intern fl-iskejjel. Din l-ambizzjoni tintlaħaq biss bil-kollaborazzjoni tal-imsieħba kollha involuti, inkluż il-ġenituri.

Sehmek marbut mas-suċċess tal-Kulleġġ

Is-sehem tagħna lkoll huwa importanti ħafna fis-suċċessi li jista’ jikseb il-Kulleġġ Santa Tereża fl-aħjar interess tagħna stess. Din l-organizzazzjoni hija tagħna lkoll u hija d-dar tagħna lkoll. Kull tip ta’ involviment, kontribuzzjoni u parteċipazzjoni hija meħtieġa u tgħin fis-suċċess li jista’ jikseb il-Kulelġġ u li minnu ngawdu aħna stess. Kull wieħed u waħda minnha - għalliema, ġenituri u sturdenti - għandna mistoqsija serja quddiemna x’inwieġbu: Jiena x’kontribut nista’ nagħti biex ngħin lill-Kulleġġ jirnexxi aktar u aħjar? Nemmen li min ma jweġibx din il-mistoqsija jkun qed jonqos lejh innifsu. Għalhekk, nistiednek biex tersaq ’il quddiem f’dan l-impenn favur Kulleġġ ta’ suċċess ... għalik u għall-imsieħba kollha fih.

 

Aġġornat ( L-Erbgħa, 04 Frar 2009 21:56 )
 
 
Joomla 1.5 Templates by Joomlashack